YouVersion Logo
Search Icon

LEVITIKU 15

15
Kapitlu 15
L-indafa tal-ġisem
1U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron, u qalilhom: 2“Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Raġel li jkollu nxija minn ġismu jkun mniġġes minħabba din l-inxija;#Num 5,2. 3u l-inġiesa li jkollu minħabba din l-inxija, sew jekk tibqa’ tnixxi minn ġismu sew jekk iżżomm, jibqa’ mniġġes biha. 4Kull friex li jimtedd fuqu l-marid bl-inxija jkun imniġġes, u kull ħaġa li joqgħod bilqiegħda fuqha tkun imniġġsa. 5U kull min imiss friexu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ imniġġes sa filgħaxija. 6U kull min joqgħod bilqiegħda fejn ikun qagħad bilqiegħda l-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 7U min imiss il-ġisem tal-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 8U jekk il-marid bl-inxija jobżoq fuq xi ħadd safi, dan jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 9Kull mirkeb li jirkeb fuqu l-marid bl-inxija, ikun imniġġes. 10U kull min imiss xi ħaġa li tkun taħtu jitniġġes sa filgħaxija; min imbagħad iġorrha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 11Kull min imissu l-marid bl-inxija, u ma jkunx ħasel idejh bl-ilma, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 12Kull ħaġa tal-fuħħar li jmissha l-marid bl-inxija għandha titkisser, u kull ħaġa tal-injam titlaħlaħ bl-ilma.
13“Meta l-marid iħossu mfejjaq mill-inxija, jgħodd sebat ijiem minn meta jfiq, u jaħsel ħwejġu, u jaħsel ġismu bl-ilma ġieri, u jitnaddaf. 14U fit-tmien jum jieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u jmur quddiem il-Mulej, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa u jagħtihom lill-qassis. 15U l-qassis il-wieħed joffrih sagrifiċċju għall-purifikazzjoni, u l-ieħor sagrifiċċju tal-ħruq, u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej għall-inxija tiegħu.
16“Meta wieħed ikollu tixrid iż-żerriegħa, jaħsel ġismu kollu bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 17U l-biċċa ħwejjeġ jew ġild, li ż-żerriegħa tixxerred fuqha, jaħsilha bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 18U l-mara li jersaq lejha raġel b’tixrid iż-żerriegħa, jinħaslu t-tnejn bl-ilma u jibqgħu mniġġsa sa filgħaxija.
19“Il-mara li jkollha l-inxija tad-demm f’ġisimha, tibqa’ fi żmienha għal sebat ijiem, u kull min imiss magħha jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.#Lev 12,2-5. 20U kulma timtedd jew toqgħod fuqu meta tkun imniġġsa, jitniġġes. 21U kull min imiss friexha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 22Kull min imiss xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 23Jekk ikun fuq il-friex jew fuq xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda hi meta jmissha, jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 24Jekk imbagħad jimtedd magħha xi raġel, dan jitniġġes bl-inxija tagħha, u jibqa’ mniġġes għal sebat jiem, u kull friex li jimtedd fuqu jitniġġes.#Lev 18,19; 20,18.
25“Il-mara li jkollha nxija ta’ demm għal ħafna jiem barra minn żmienha, jew aktar mis-soltu, sakemm iddum din l-inxija tkun imniġġsa, bħal fi żmienha;#Mt 9,20; Mk 5,25; Lq 8,43. 26u kull friex li timtedd fuqu, kemm iddum l-inxija, ikun bħal fi żmienha; u kulma toqgħod fuqu, ikun imniġġes bħall-friex fi żmienha. 27U kull min imisshom jitniġġes, u għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.
28“Meta mbagħad tissaffa mill-inxija tagħha, tgħodd sebat ijiem, u wara dan tkun imnaddfa. 29Fit-tmien jum tieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u teħodhom għand il-qassis, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. 30U l-qassis joffri wieħed minnhom b’sagrifiċċju għall-purifikazzjoni u l-ieħor b’sagrifiċċju tal-ħruq; u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għaliha quddiem il-Mulej għall-inġiesa tal-inxija tagħha.
31“Hekk inti żżomm lil ulied Iżrael ’il bogħod mit-tinġis tagħhom, u ma jniġġsux bl-inġiesa tagħhom l-għamara tiegħi li hemm f’nofshom, u jmutu.” 32Din hi l-liġi għal min jitniġġes bl-inxija jew tixrid iż-żerriegħa, 33għall-marida fi żmienha, għal min għandu l-inxija, raġel jew mara, u għal raġel li jimtedd ma’ mara mniġġsa.”

Currently Selected:

LEVITIKU 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy