YouVersion Logo
Search Icon

LEVITIKU 14

14
Kapitlu 14
Il-purifikazzjoni tal-imġiddem
1Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:#Mt 8,4; Mk 1,44; Lq 5,14; 17,14. 2“Din hi l-liġi għall-imġiddem meta jitnaddaf; iġibuh għand il-qassis. 3U joħroġ il-qassis barra l-kamp u jarah. Jekk isib li l-ġerħa tal-ġdiem marret mill-imġiddem, 4jordna li jġibu għal min se jitnaddaf żewġ għasafar ħajjin u safjin, għuda taċ-ċedru, biċċa tal-iskarlatt u żuf. 5Imbagħad il-qassis jgħidilhom biex joqtlu wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar mimlija bl-ilma ġieri; 6u jaqbad l-għasfur ħaj, l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u jbillhom - l-għasfur ħaj ukoll - fid-demm tal-għasfur maqtul fuq l-ilma ġieri.#Num 19,6. 7U jroxx seba’ darbiet lil min se jitnaddaf mill-ġdiem, u jiddikjarah li tnaddaf; u jitlaq l-għasfur ħaj fir-raba’#14,7: Jitlaq l-għasfur ħaj fir-raba’: ġest ibbażat fuq il-prinċipji tal-maġija imitattiva, biex ifisser u jiżgura t-tluq tal-ispirtu tal-mard mill-marid.. 8U min ikun tnaddaf jaħsel ħwejġu, iqaxxar xagħru kollu, jinħasel bl-ilma, u jitnaddaf; u mbagħad jista’ jidħol fil-kamp, imma jibqa’ sebat ijiem barra mill-għarix tiegħu. 9U fis-seba’ jum iqaxxar ix-xagħar kollu ta’ rasu, il-leħja, u ħuġbejn għajnejh; iqaxxar xagħru kollu, jaħsel ħwejġu, jaħsel ġismu bl-ilma, u hekk jitnaddaf. 10Fit-tmien jum jieħu żewġ ħrief bla difett u ħarufa bla difett, u tas-sena, u offerta tal-qmuħ, tlieta minn għaxra smid miblula fiż-żejt, u log żejt#14,10: Log żejt: il-log kien kejl għal-likwidi, ekwivalenti għal madwar terz ta’ litru.. 11U l-qassis li jkun inaddaf, flimkien mar-raġel li jkun jitnaddaf, iqegħedhom quddiem il-Mulej fid-dħul tat-tinda tal-laqgħa. 12U l-qassis jieħu wieħed mill-ħrief, u joffrih bħala sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej. 13U joqtol il-ħaruf fejn joqtlu l-vittma tar-riparazzjoni u dik tal-ħruq, jiġifieri fil-post imqaddes, għaliex il-vittma tar-riparazzjoni, bħall-vittma tal-purifikazzjoni, tmiss lill-qassis, u hi ħaġa l-aktar qaddisa. 14Jieħu l-qassis mid-demm tal-vittma u jqiegħdu f’tarf il-widna l-leminija ta’ min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u dak ta’ siequ l-leminija.#Lev 8,23-24. 15Imbagħad il-qassis jieħu mil-log żejt, u jsawbu fuq idu x-xellugija; 16ibill sebgħu ta’ idu l-leminija fiż-żejt li jkun f’idu x-xellugija u jroxx bih seba’ darbiet quddiem il-Mulej. 17U miż-żejt li jkun baqa’ f’idu jqiegħed il-qassis fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija, fuq demm il-vittma tar-riparazzjoni; 18il-bqija taż-żejt, li jibqa’ f’idu, isawbu fuq ras min se jitnaddaf u hekk il-qassis itemm għalih l-espjazzjoni quddiem il-Mulej. 19Imbagħad l-istess qassis joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex ipatti għal dak li se jitnaddaf mill-inġiesa tiegħu, u mbagħad joqtol il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq. 20Il-qassis joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq u l-offerta tal-qmuħ fuq l-artal, u hekk ipatti għall-marid u dan jindaf.
21“Jekk ikun fqir u ma jwassalx biex jagħti daqshekk, jieħu ħaruf wieħed għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni biex joffrih u jxejru għall-espjazzjoni għalih innifsu, waħda minn għaxra ta’ smid miblul fiż-żejt bħala offerta tal-qmuħ u log żejt.#Lev 5,7-13; 12,8. 22U żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet skont ma jiflaħ, waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq. 23U jġibhom fit-tmien jum tat-tindif tiegħu għand il-qassis fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej. 24U l-qassis jieħu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej; 25u mbagħad joqtol il-ħaruf tar-riparazzjoni; u l-qassis jieħu mid-demm tal-vittma tar-riparazzjoni u jqiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija. 26Imbagħad il-qassis isawwab ftit żejt f’idu x-xellugija, 27u b’sebgħu ta’ idu l-leminija jroxx minnu seba’ darbiet quddiem il-Mulej; 28u l-qassis iqiegħed ftit miż-żejt li jkun f’idu fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija f’post id-demm tal-vittma tar-riparazzjoni. 29U ż-żejt li jibqa’ f’id il-qassis isawbu fuq ras min ikun jitnaddaf għall-espjazzjoni tiegħu quddiem il-Mulej. 30Imbagħad miż-żewġ gamimiet jew mill-frieħ tal-ħamiem, 31li jkun jista’ jagħti, jagħti waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq, barra mill-offerta tal-qmuħ; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni quddiem il-Mulej għal min ikun jitnaddaf.
32“Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem u ma jkollux biżżejjed x’jagħti meta jitnaddaf.”
Il-ġdiem tad-dar
33U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 34“Meta tkunu dħaltu fl-art ta’ Kangħan li se nagħtikom biex teħduha f’idejkom, u jien inkun bgħatt il-mard tal-ġdiem f’xi dar fl-art li tkun f’idejkom, 35sid id-dar imur għand il-qassis u jgħidlu: ‘Jidhirli li tfaċċa l-mard fid-dar tiegħi.’ 36Il-qassis imbagħad jordna li jbattlu d-dar minn kulma jkun fiha qabel ma jmur jaraha, biex ma jitniġġisx kulma jkun hemm fiha; imbagħad imur il-qassis jara d-dar. 37Jekk jara l-mard fil-ħitan tad-dar bħal ħofor jagħtu fl-aħdar jew l-aħmar, qishom imħaffrin fil-ħajt, 38il-qassis joħroġ ’il barra mill-bieb tad-dar, u jagħlaq id-dar għal sebat ijiem. 39Fis-seba’ jum il-qassis jerġa’ jmur, jaraha, u jekk isib li l-mard infirex mal-ħitan tad-dar, 40il-qassis jordna li jaqilgħu l-ġebel li jkun fih il-mard, u jitfgħuh ’il barra mill-belt f’xi post imniġġes. 41Imbagħad joborxu d-dar dawramejt u jitfgħu t-trab tal-brix barra l-belt f’post imniġġes. 42Jieħdu ġebel ieħor, u jqegħduh flok l-ieħor, u jieħdu trab ieħor u jkaħħlu bih fid-dar.
43“Jekk wara li jkunu neħħew il-ġebel, barxuha u kaħħluha, jerġa’ jitfaċċa l-mard u jinfirex mad-dar, 44imur il-qassis jaraha, u jekk jara li ħareġ il-mard fid-dar, dan ikun ġdiem li jherri d-dar, u din tkun imniġġsa. 45U jħottu d-dar u jġorru ’l barra mill-belt il-ġebel, l-injam, u t-trab kollu tad-dar f’post imniġġes. 46Kull min jidħol fid-dar fiż-żmien kollu li tkun magħluqa, ikun imniġġes sa filgħaxija. 47Min jorqod jew jiekol fid-dar, ikollu jaħsel ħwejġu. 48Imma jekk il-qassis imur, u jara sewwa, u jsib li l-marda ma nfirxitx mad-dar wara t-tikħil tad-dar, il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax tkun ħelset mill-marda. 49Għall-purifikazzjoni tad-dar, jieħu żewġ għasafar, għuda taċ-ċedru, biċċa skarlatt, u żuf; 50u joqtol wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar bl-ilma ġieri fiha; 51jieħu l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt u l-għasfur il-ħaj u jbillhom fid-demm tal-għasfur il-maqtul, u fl-ilma ġieri, u jroxx id-dar seba’ darbiet. 52Hekk ikun naddaf id-dar bid-demm tal-għasfur, bl-ilma ġieri, u bl-għasfur il-ħaj, u bl-għuda taċ-ċedru u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt. 53Imbagħad jitlaq l-għasfur il-ħaj jittajjar ’il barra mill-belt lejn ir-raba’. U meta jkun għamel din l-espjazzjoni, id-dar tkun imnaddfa.”
54Din hi l-liġi għal kulmard tal-ġdiem u l-marda tal-falza, 55il-ġdiem tal-ħwejjeġ u tad-dar,#Lev 13,47-58. 56għall-qxur, infafet, u tbajja’, 57biex turikom meta ħaġa tkun imniġġsa, u meta tkun nadifa. U din hi l-liġi fil-każ tal-ġdiem.

Currently Selected:

LEVITIKU 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy