YouVersion Logo
Search Icon

LEVITIKU 11

11
Kapitlu 11
Is-safa u t-tinġis tal-ikel
1U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:#Ġen 7,2; Lev 20,25-26; Dt 14,3-21; Mt 15,10-20; Atti 10,9-16; 11,1-18. 2“Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu mill-bhejjem kollha ta’ fuq l-art#11,2: Li tistgħu tieklu mill-bhejjem kollha ta’ fuq l-art: Din l-għażla bejn annimali safja u oħrajn imniġġsa kienet ibbażata fuq ideat ta’ saħħa u ndafa fost in-nies tal-Lvant ta’ dak iż-żmien. Il-liġi ta’ Mosè żammet din it-tradizzjoni kulturali bl-istess skop, iżda tatha tifsira reliġjuża, biex tfakkar lill-poplu ta’ Alla li għandu jservih b’ħajja safja u nadifa moralment u spiritwalment. Mhux dejjem nistgħu nagħtu traduzzjoni eżatta lill-ismijiet Lhud ta’ dawn l-annimali.; 3kull bhima bid-dwiefer, bid-difer maqsum u tixtarr, tistgħu tieklu minnha. 4Imma minn dawk li jixtarru, jew difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-ġemel, għax dan jixtarr, imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; 5il-fenek tax-xagħri, għax dan jixtarr, iżda m’għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; 6il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes; 7il-ħanżir, għax għandu difrejh maqsumin, imma ma jixtarrx, għalikom hu mniġġes. 8Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom mejjet, għax għalikom huma mniġġsin.
9“Minn kulma jgħix fl-ilma, dan li tistgħu tieklu: tistgħu tieklu minn kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur, fl-ilma tal-baħar jew tax-xmajjar. 10Kulma hu bla ġwienaħ u bla qxur, fil-baħar jew fix-xmajjar, kulma jitħarrek fl-ilma u kull annimal li jgħix fl-ilma, hu qżież għalikom. 11Moqżieża jkunu għalikom, tiklux minn laħamhom u għandkom tistkerrhu ġisimhom mejjet. 12Kulma hu bla ġwienaħ u bla qxur fl-ilma, hu qżież għalikom.
13“Mit-tjur dawn għandkom tistkerrhu, u ma għandkomx tieklu minnhom, għax moqżieża: l-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda, 14l-astur, kull xorta ta’ bies, 15kull xorta ta’ ċawlun, 16in-nagħma, il-kokka, il-barbaġann, is-seqer skont ġenshom, 17il-barbaġann, il-margun, iż-żinna, 18il-kwakk, il-pellikan, it-tiġieġa tal-baħar, 19il-laqlâq, kull xorta ta’ russett, id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett il-lejl. 20Kull insett li jtir u jimxi, id-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba’ saqajn, ikun għalikom ħaġa moqżieża.
21“Minn dawn tistgħu tieklu, mid-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba’ saqajn u għandhom ’il fuq minn riġlejhom żewġ saqajn biex jaqbżu bihom fuq l-art. 22Minnhom tistgħu tieklu l-ġradijiet ta’ kull xorta: il-ġrad b’rasu kbira, il-ġrad aħdar, il-ġrad tad-deżert, u s-sarsur. 23Kull dud ieħor li jtir u għandu erba’ saqajn ikun moqżież għalikom. 24Minn dawn titniġġsu; min imiss ġisimhom mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija; 25kull min jerfa’ xi wieħed minnhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.
26“Kull bhima li għandha d-dwiefer mhux maqsuma u ma tixtarrx, tkun għalikom imniġġsa; kull min imissha jitniġġes. 27Kulma jimxi fuq qiegħ saqajh minn fost il-bhejjem li jimxu fuq erba’ saqajn, ikun għalikom imniġġes u kull min imiss ġismu mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija. 28Min jerfa’ ġisimhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jkun imniġġes sa filgħaxija; 29għax dawn il-bhejjem kollha mniġġsin.
“U minn fost l-annimali li jitkaxkru fl-art dawn huma kollha mniġġsin: il-ballottra, il-far u kull ġens ta’ gremxul; 30il-wiżgħa, il-kamaleonti, il-gremxul, ix-xaħmet l-art u t-talpa. 31Minn fost l-annimali kollha li jitkaxkru fl-art, dawn huma kollha mniġġsa għalikom; min jersaq lejhom meta jmutu jkun imniġġes sa filgħaxija. 32U jekk xi wieħed minnhom jaqa’ mejjet fuq xi ħaġa tal-injam, jew drapp, jew ġild, jew saqqu, jew xi għodda li biha wieħed jaħdem, jitfgħuha fl-ilma u tkun imniġġsa sa filgħaxija; imbagħad tindaf. 33Jekk imbagħad jaqa’ f’xi ġarra tal-fuħħar, jitniġġes kulma jkun hemm fiha, u l-ġarra tkissruha. 34Jekk ikun fiha l-ilma u jaqa’ fuq xi ikel, dan ukoll jitniġġes; kulma jista’ jinxtorob li jkun fih, jitniġġes. 35Kull ħaġa li jaqa’ fuqha xi mejjet minnhom titniġġes; il-forn u l-kenur tfarrkuhom, għax huma jkunu mniġġsin; u mniġġsin ikunu għalikom. 36L-għejun u l-bjar bl-ilma jibqgħu safja, iżda min imiss il-mejjet jitniġġes. 37Jekk jaqa’ xi wieħed minnhom fuq iż-żerriegħa taż-żrigħ, din tibqa’ safja. 38Imma jekk iż-żerriegħa tixxarrab bl-ilma, u jaqa’ fuqha xi mejjet minnhom, din tkun imniġġsa għalikom. 39Jekk tmut xi bhima li tistgħu tieklu minnha, min imiss ġisimha mejjet jitniġġes sa filgħaxija. 40Min jiekol minn ġisimha mejjet, għandu jaħsel ħwejġu u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.#Lev 17,15; 22,8.
41‘Kull annimal li jitkaxkar fl-art ikun qżież għalikom; la tiklux minnu. 42Kulma jimxi fuq żaqqu, u kulma jimxi fuq erba’ saqajn u aktar, imma jitkaxkar fl-art, la tiklux minnu, għax qżież għalikom. 43La tiċċappsu b’ebda ħanex u titniġġsux bihom, għax titniġġsu intom ukoll.#Lev 20,25.
44“Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis, u ma għandkom titniġġsu b’ebda ħanex li jitkaxkar fl-art.#Lev 19,2; 20,7; 22,33; 1 Pt 1,16. 45Għax jien il-Mulej, li tellajtkom mill-art tal-Eġittu biex inkun Alla tagħkom u intom tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”
46Din hi l-liġi fuq il-bhejjem u t-tjur, u kull ħaġa ħajja li żżiġġ fl-ilma, u kulma jitkaxkar fl-art, 47biex tagħżlu bejn l-imniġġes u s-safi, u bejn il-bhejjem tajba għall-ikel u dawk li ma għandhomx jittieklu.#Lev 10,10.

Currently Selected:

LEVITIKU 11: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy