YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 9

9
Kapitlu 9
Ġesù jfejjaq raġel agħma minn twelidu
1Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, 2u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”#Eż 20,5; Eżek 18,20; Lq 13,2-4. 3Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih.#Ġw 11,4. 4Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem.#Ġw 5,17. 5Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja.”#Is 49,6; Ġw 1,4-9; 8,12; 12,46. 6Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma.#Mk 8,23. 7U qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam.” Din tfisser ‘il-Mibgħut’. Mela dak mar, inħasel u ġie jara.#2 Slat 5,10. 8Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”#Atti 3,10. 9Xi wħud qalu: “Iva, hu.” Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu.” Iżda hu qalilhom: “Jiena hu.” 10Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?” 11Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm.’ Mort, inħsilt, u ġejt nara.” 12Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?” Qalilhom: “Ma nafx.”
Il-Fariżej jistaqsu dwar il-fejqan
13Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. 14Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma inzerta kien is-Sibt.#Lq 13,14; Ġw 5,9. 15Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara.” 16Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt.” Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?” U ma qablux bejniethom.#Ġw 3,2; 5,16-18; 7,43; 9,31-33; 10,19. 17U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?” Qalilhom: “Dak profeta.”#Mt 21,46; Ġw 4,19; 7,40.
18Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, 19u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?” 20Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; 21imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu għalih innifsu.” 22Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga.#Ġw 7,13; 12,42; 19,38; 20,19. 23Kien għalhekk li l-ġenituri tiegħu wieġbu, ‘Żmien għandu, staqsu lilu.’
24Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb.”#Ġoż 7,19; Apk 11,13. 25Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara.” 26Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?” 27U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?” 28U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! 29Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”#Ġw 7,27-28; 8,14. 30Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! 31Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu.#S 34,15; 66,18; Prov 15,29; Is 1,15. 32Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. 33Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel.”#Ġw 3,2. 34Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek?” U keċċewh ’il barra.#Ġw 9,2.
L-għama spiritwali
35Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?” 36Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?” 37Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek.”#Ġw 4,26. 38Qallu: “Nemmen, Mulej!” U nxteħet għarkupptejh quddiemu. 39Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma.”#Ġw 3,17; 5,22; 8,5-16; 12,47.
40Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”#Mt 23,26. 41Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu, ‘Aħna naraw.’ Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom.”#Ġw 15,22.

Currently Selected:

ĠWANNI 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy