YouVersion Logo
Search Icon

MARK 10

10
Kapitlu 10
Id-divorzju
(Mt 19,1-9; Lq 16,18)
1Telaq minn hemmhekk u mar fl-art tal-Lhudija u ’l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, raġa’ qabad jgħallimhom. 2Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. 3Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?” 4Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha.”#Dt 24,1-3; Mt 5,31; 19,7. 5Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. 6Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.#Ġen 1,27; 5,2. 7Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu,#Ġen 2,24; Ef 5,31. 8u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. 9Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.” 10Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, 11u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda;#Mt 5,32; Lq 16,18; 1 Kor 7,10-11. 12u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju.”
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar
(Mt 19,13-15; Lq 18,15-17)
13Ġabulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom#10,13: Biex iberikhom: litteralment biex imisshom., iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. 14Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. 15Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”#Mt 18,3. 16Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Ir-raġel għani
(Mt 19,16-22; Lq 18,18-23)
17Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” 18“Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. 19Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok.”#Eż 20,12-16; Dt 5,16-20; Ġak 5,4. 20U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” 21Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.”#Mt 6,20; Lq 12,33. 22Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
23Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!#Mk 4,19. 24Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa#10,24: Kemm hi iebsa: Xi manuskritti wara iebsa jżidu għal dawk li jafdaw fl-għana., uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! 25Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” 26Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” 27Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”#Ġen 18,14; Ġob 42,2; Mk 14,36. 28Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk.” 29Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, 30ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej. 31U ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel.”#Mt 20,16; Lq 13,30.
It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien
(Mt 20,17-19; Lq 18,31-33)
32Kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin. Raġa’ sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x’kien se jgħaddi minn għalih: 33“Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani;#Mt 17,22-23; Mk 8,31; 9,31; Lq 24,7. 34dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”
It-talba ta’ Ġakbu u Ġwanni
(Mt 20,20-28)
35Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.”#Mt 4,21; 10,2; 17,1; Mk 1,19-29; 5,37; 9,2; 10,41; 13,3; 14,33; Lq 5,10; 6,14; 8,51; Atti 1,13. 36“Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom.#Mt 20,32; Mk 10,51; Lq 18,41. 37U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.”#Mt 19,28; Lq 22,30. 38Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”#Lq 12,50; Ġw 18,11. 39“Għandna,” qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien;#Atti 12,2. 40imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.”
41L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. 42Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.#Lq 22,25. 43Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,#Mt 23,11; Mk 9,35; Lq 22,26. 44u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. 45Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”#1 Tim 2,5-6.
Ġesù jfejjaq lil Bartimew l-agħma
(Mt 20,29-34; Lq 18,35-43)
46U waslu Ġeriko#10,46: Ġeriko: ara nota Mt 20,29.. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. 47Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”#Mt 9,27; 15,22. 48Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!” 49Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu.” Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.” 50Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. 51U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni#10,51: Rabbuni: kelma Aramajka li tfisser “Mgħallem tiegħi.”,” wieġbu l-agħma.#Mk 10,36. 52“Mur,” qallu Ġesù, “il-fidi tiegħek fejqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.#Mt 9,22; Mk 5,34; Lq 7,50; 8,48; 17,19.

Currently Selected:

MARK 10: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy