YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 13

13
Kapitlu 13
Ġesù jaħsel saqajn id-dixxipli
1Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.#Mt 26,45; Mk 14,41; Ġw 12,23; 16,28; 17,1. 2Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih.#Lq 22,3; Ġw 13,27. 3Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla.#Mt 11,27; Lq 10,22; Ġw 3,35; 16,28. 4Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. 5Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.#Lq 7,44; Ġw 12,3. 6Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” 7Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem.” 8Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi.” 9Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.” 10Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.”#Ġw 15,3. 11Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal, ‘M’intomx ilkoll indaf.’#Ġw 6,64-71.
12Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? 13Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien.#Mt 23,8-10. 14Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.#Mt 20,28; Lq 22,27; 1 Tim 5,10. 15Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.#Fil 2,5; 1 Pt 2,21. 16Tassew tassew ngħidilkom, l-ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il-messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu.#Lq 6,40; Ġw 15,20. 17Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom.#Ġak 1,25. 18Jien m’iniex ngħid għalikom ilkoll, għax jien naf x’nies għażilt, imma għandha sseħħ l-Iskrittura li tgħid, ‘Min kiel il-ħobż miegħi, tani bis-sieq.’#S 41,9. 19Dan qiegħed ngħidu minn issa, qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena hu.#Ġw 8,24-28; 14,29; 16,4. 20Tassew tassew ngħidilkom, min jilqa’ lil min nibgħat jien, ikun jilqa’ lili, u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni.”#Mt 10,40; Mk 9,37; Lq 9,48; 10,16.
Ġesù jħabbar it-tradiment ta’ Ġuda
(Mt 26,20-25; Mk 14,17-27; Lq 22,21-23)
21Wara li qal dan, Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: “Tassew tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!” 22Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn xulxin, ma jafux għal min qal hekk. 23Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda#13,23: Kien maġenbu fuq il-mejda: kienu mimdudin fuq il-ġenb tax-xellug kif kienet id-drawwa dik il-ħabta., b’rasu ma’ sider Ġesù.#Ġw 19,26; 20,2; 21,7-20. 24Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: “Għal min qiegħed jgħid?” 25Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh: “Min hu, Mulej?”#Ġw 21,20. 26Wieġbu Ġesù: “Dak li għalih se nbill din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu.” Imbagħad bill biċċa ħobż, u qabad u taha lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota. 27Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: “Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx.”#Lq 22,3; Ġw 13,2. 28Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu hekk. 29Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajlu lil Ġesù jgħidlu, ‘Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa,’ jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra.#Ġw 12,6. 30Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ ’il barra. Kien billejl.
Il-kmandament il-ġdid
31Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla.#Ġw 12,23; 17,1-5. 32Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. 33Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu.#Ġw 7,33-34; 8,21. 34Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.#Ġw 15,12-17; 1 Ġw 2,8; 3,23; 2 Ġw 5. 35Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”#1 Ġw 3,14.
It-taħbira taċ-ċaħda ta’ Pietru
(Mt 26,31-35; Mk 14,27-31; Lq 22,31-34)
36Qallu Xmun Pietru: “Fejn sejjer, Mulej?” U Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard.”#Ġw 7,34-36. 37Qallu Pietru: “Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa? Għalik jiena nagħti ħajti!” 38Wieġbu Ġesù: “Inti, tagħti ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet!”

Currently Selected:

ĠWANNI 13: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy